gov.mt

PR261589

PR261589

30/09/2026

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker Carmelo Abela jisħaq fuq aktar għarfien u sensittività lejn persuni bl-ADHD

​

L-Ispeaker Carmelo Abela, appella għal aktar għarfien, fehim u appoġġ lejn persuni bl-ADHD, filwaqt li saħaq li l-istituzzjonijiet u s-soċjetà għandhom responsabbiltà li joħolqu ambjenti li jagħrfu u jirrispettaw il-bżonnijiet differenti tal-persuni.

L-Ispeaker għamel dan l-appell waqt żjara fl-esebizzjoni: Framed in Focus: ADHD Women, inizjattiva li twieldet mill-esperjenzi ta' nisa bl-ADHD u li, permezz tar-riċerka, il-fotografija u riflessjonijiet personali, tagħti vuċi lil realtajiet li ħafna drabi jibqgħu mhux mismugħa.

Il-proġett, imwettaq b'kollaborazzjoni bejn l-Università ta' Malta u ADHD Malta, jitfa' dawl fuq l-esperjenzi tan-nisa bl-ADHD u fuq id-diffikultajiet biex l-ADHD fin-nisa tiġi identifikata u mifhuma. Waħda mill-kuraturi, Sarah Ellul Vincenti, spjegat kif il-proġett poġġa l-esperjenzi reali tan-nisa fiċ-ċentru tar-riċerka u tal-wirja.

Matul iż-żjara, l-Ispeaker sema' direttament mingħand in-nisa dwar l-esperjenzi u l-isfidi tagħhom, fosthom kif fatturi bħad-dawl qawwi u l-ispazji miftuħa jistgħu joħolqu diffikultajiet fil-ħajja ta' kuljum u fuq il-post tax-xogħol. “Wara kull ritratt hawn storja u emozzjoni. Irridu nkunu aktar sensittivi għal xulxin u noħolqu ambjenti li jagħrfu u jirrispettaw il-bżonnijiet differenti tal-persuni," saħaq l-Ispeaker.

Huwa rringrazzja lill-organizzaturi għall-ħidma tagħhom biex iqajmu aktar għarfien dwar l-ADHD fin-nisa f'Malta u appella lill-istituzzjonijiet u lill-awtoritajiet biex ikomplu jsaħħu l-għarfien u l-appoġġ f'dan il-qasam.

L-Ispeaker appella wkoll lill-Membri Parlamentari preżenti biex iżommu f'moħħhom dak li semgħu fil-ħidma parlamentari tagħhom. “Bħala rappreżentanti tal-poplu għandna responsabbiltà li nisimgħu dawn l-esperjenzi u nagħtu spazju lil vuċijiet li mhux dejjem jinstemgħu. Il-Parlament għandu jkun ukoll spazju fejn jitqajjem l-għarfien u fejn dawn ir-realtajiet jingħataw l-attenzjoni li jixirqilhom," qal l-Ispeaker.

Preżenti għal din l-inizjattiva kien hemm ukoll il-Ministru, Julia Farrugia, ls-Segretarju Parlamentari,  Deo Debattista u l-Membri Parlamentari,  Ivan Bartolo u Annabelle Cilia.​​

L-Ispeaker temm billi esprima d-disponibbiltà tal-Uffiċċju tiegħu li jkompli jappoġġja inizjattivi li jqajmu kuxjenza dwar l-ADHD u jippromwovu soċjetà aktar sensittiva, inklużiva u konxja mill-bżonnijiet ta' xulxin.

​